Maħfra presidenzjali tiġi jekk toħroġ il-verità sħiħa – storiku

Read in English.

L-istoriku dwar l-kriminalità Eddie Attard qal lill-Newsbook Hour fuq 103 – Malta’s Heart li maħfriet għar-reati kriminali dejjem ingħataw fuq il-kundizzjoni li min se jingħata l-maħfra jgħid il-verità sħiħa.

Attard kien qed jitkellem ma’ Fr Joe Borg u Sylvana Debono fil-kuntest tar-rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru li s-sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jingħata maħfra presidenzjali. Attard qal li l-kunċett ta’ maħfriet beda bl-okkuppazzjoni Ingliża f’Malta.

Skont Attard it-terminoloġija preċiża hija ‘turning King’s Evidence’. Dan ifisser li l-persuna involuta kellha tgħid il-verità sħiħa biex ir-reat, eventwalment, jissolva.

Assassinju Daphne: Pass ieħor biex jinqabad il-mandant

Attard qal li reċentament maħfra presidenzjali kienet wasslet biex il-persuna li nstab ħati bil-qtil ta’ Nardu Debono jispiċċa l-ħabs. F’dak il-każ, mill-inqas żewġ Supretindenti tal-Pulizija kienu talbu għal maħfra presidenzjali u l-Kummissarju tal-Pulizija intbagħat il-ħabs għall-qtil ta’ Debono waqt li kien taħt arrest.

Joseph Fenech, magħruf bħala Żeppi l-Ħafi, kien ingħata maħfra presidenzjali meta t-testimonjanza tiegħu waslet għall-arrest tal-moħħ wara l-attentat ta’ qtil ta’ Richard Cachia Caruana. Cachia Caruana kien l-assisstent personali tal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami.

Illum il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li ffirma ittra li tirrakkomanda l-maħfra presidenzjali għas-sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia .

Hu kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti f’Kastilja. Dalgħodu ġie żvelat li nhar il-Ħamis il-pulizija Maltija arrestat raġel li qed jitqies bħala s-sensar (middleman) bejn il-mandant tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-persuni li attwalment qiegħdu u splodew il-bomba li qatlitha.

Assassinju Daphne: Il-PM jirrakkomanda maħfra presidenzjali