Comodini Cachia tistaqsi jekk bit-tanker tal-LNG, Marsaxlokk hux se jibqa’ għas-sajjieda

Therese Comodini Cachia qed tistaqsi jekk l-ispazju għas-sajjieda fil-bajja ta’ Marsaxlokk hux se jiġi limitat u jekk il-port ta’ Marsaxlokk hux se jibqa’ miftugħ għad-dgħajjes.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Comodini Cachia li se tikkontesta l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f'isem il-Partit Nazzjonalista qalet li l-vapur enormi bil-ħażna tal-gass se jitpoġġa b’mod permanenti fiċ-ċentru tal-baħar tax-Xlukkajri u s-sajjieda.
Hi kompliet tgħid li ma sar l-ebda studju dwar kif se tiġi affettwata l-attività kemm tas-sajjieda kif ukoll tal-Freeport.
Dan hekk kif allegatament 91% tar-residenti iridu li l-ħażna tal-gass titqiegħed barra l-bajja ta’ Marsaxlokk.
Therese Comodini Cachia kompliet tgħid li l-fehma tar-residenti hija indikata b’mod ċar fis-Social Impact Assessment li gie ippreżentat lill-MEPA.