Comodini Cachia qed tistenna karnival mimli satira politika

Valletta 2018

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li qed tistenna karnival mimli satira politika din is-sena.

Meta kien qed titkellem fil-Parlament, il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-kultura qalet li hi qed tistenna li d-dilettanti tal-karrijiet jiġu mnebbħa mill-avvenimenti politiċi tal-aħħar snin u kif l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri daħku bin-nies.

Jekk dan ma jseħħx, allura l-pajjiż jibqa’ maħkum minn marda ta’ politika partiġġjana, argumentat Commodini Cachia. Hija qalet li dan f’pajjiż fejn il-Ministru tal-Kultura jinstab ħati mill-Qrati li ħanaq il-libertà tal-espressjoni tan-nies meta kines il-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia.

Din is-sena l-karnival diġà ħoloq kontroversja meta wieħed mid-dilettanti ħabbar li kien qed jinbena karru li juri l-Arċisqof Charles Scicluna u fl-isfond tiegħu d-dar San Ġużepp b’implikazzjoni dwar l-allegat każi ta’ abbużi li seħħew snin ilu f’din id-dar. Dan il-karru twaqqaf wara li ġie kkundannat mill-awtoritajiet.