Community policing għal terz tal-lokalitajiet sa nofs l-2021 – Il-Ministru

DOI: Pierre Sammut

Il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri qal li sa nofs l-2021, il-pjan huwa li terz tal-lokalitajiet Maltin ikollhom il-community policing, billi din hija l-viżjoni għall-futur tal-Korp tal-Pulizija.

Dan qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat.

Il-Ministru spjega li, “Fil-fażi li jmiss, se nkunu qed ninkludu wkoll dawk il-lokalitajiet li qed jaffaċċjaw ċertu sfidi. Qed insaħħu l-preżenza tal-pulizija fit-toroq tagħna biex inkunu aktar proattivi u biex il-komunitajiet jingħataw servizz dedikat mill-Korp li qiegħed hemm biex jipproteġihom. Il-pulizija tal-komunità imbagħad jaħdmu ma’ taqsimiet oħra fi ħdan l-istess Korp tal-Pulizija u anke fis-soċjetà,” qal il-Ministru.

Permezz ta’ inizjattiva meħuda bejn l-Aġenzija tal-Programm b’Investiment Individwali u l-Korp tal-Pulizija, se jinxtraw għaxar roti elettriċi biex jintużaw mill-pulizija tal-komunità. Għal dan l-għan, l-aġenzija għaddiet €60,000, li parti minnhom se jmorru wkoll biex binjiet eżistenti fil-Fgura u l-Furjana jiġu modifikati.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat sostna li l-fondi li ngħataw f’investiment u li ġew ġġenerati mill-programm eżistenti ta’ investiment qed iwasslu biex il-komunitajiet igawdu minn servizzi aħjar u iktar mifruxa.