Coming Home – titnieda l-verżjoni l-ġdida

It-Tnejn filgħaxija tnediet il-verżjoni l-ġdida tal-kanzunetta Coming Home. Din it-tnedija fetħet it-triq għall-promozzjoni kontinwa li l-grupp Firelight se jagħmel qabel il-kanzunetta tirrapreżenta lil Malta fil-Festival Ewroviżiv.
 
Il-grupp Firelight kanta l-verżjoni l-ġdida waqt serata li saret f'San Ġiljan. Fi kliem l-arranġaturi tal-kanzunetta Arturo Pellegini u Maurizo Campo, il-kanzunetta għandha ħoss ġdid u aktar professjonali.  Fuq il-kanzunetta ħadmu ukoll il-Maltin Manolito Galea u Elton Zarb.
 
Il-Kap Eżekuttiv tal-Festival Anton Attard ħabbar li l-ġimgħa li ġejja l-grupp se jniedi l-filmat tal-kanzunetta Coming Home.  Minn hemm imbagħad tkompli t-triq sad-Danimarka.  Fost l-impenji li l-grupp Firelight se jkollu barra minn Malta se jkun hemm ukoll il-Eurovision Party li jsir f' Londra f'April u li jlaqqa' ħafna mill-kontestanti flimkien.