Colin Attard: Ġudikatur fil-konkors mużikali Val di Sole fl-Italja

Read in English.

Id-direttur artistiku ta’ Gaulitana: A Festival of Music u d-direttur mużikali tal-Gaulitanus Choir, Colin Attard, riċentement kien wieħed mill-membri tal-ġurija tad-disa’ edizzjoni tal-Concorso Nazionale per Giovani Musicisti Val di Sole li jsir f’Dimaro fit-Trentino-Alto Adige, l-Italja.

Dan kien riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn Gaulitana u l-Concorso, li tiegħu hu direttur artistiku Mro Giuseppe Fricelli, li għal bosta snin ilu jkun involut fil-festival Gaulitana u li miegħu saru diversi kollaborazzjoniet. Il-konkors sar bejn il-25 u s-26 ta’ Mejju fit-Teatro Comunale di Dimaro, spazju multifunzjonali modern f’din il-lokalità pittoreska f’Val di Sole proprju taħt id-Dolomiti Brenta.

Numru kbir ta’ mużiċisti żgħażagħ, minn età żgħira sal-għoxrinijiet, ipparteċipaw fid-diversi kategoriji sew strumentali, vokali jew ta’ gruppi, li naturalment kienu mqassma skont l-etajiet diversi. Interessanti hu l-fatt li l-kompetizzjoni tagħti spazju anki għal student ta’ skejjel normali li joffru l-mużika bħala suġġett fil-kurrikulu. Kull gurnata ntemmet b’kunċert li fih ħadu sehem ir-rebbieħa li ġabu l-akbar punteġġi b’mod ġenerali.

Kemm il-kunċerti kif ukoll l-awdizzjonijiet kienu miftuħa għall-pubbliku in ġenerali, li b’hekk seta’ japprezza numru konsiderevoli ta’ talent mużikali emerġent.

Flimkien ma’ Mro Attard, il-bord ta’ ġurija kien magħmul mill-pjanista rinomata u għalliema fil-konservatorju ta’ Verona, Sabrina Reale, l-akkordjonista u didattiku Michele Chiusole, il-baritonu Lorenzo Muzzi, u l-istess Mro Fricelli bħala ċerman.