Coleiro Preca ma ssibx diffikultà li tiffirma l-liġi tal-Unjoni Ċivili

Il-Ministru għall-Familja Marie Louise Coleiro sostniet li m’għandha l-ebda diffikultà li tiffirma l-liġi tal-Unjoni Ċivili meta tieħu l-funzjonijiet tal-Presidenza.
Coleiro Preca qalet dan waqt li kienet qed twieġeb għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt waqt il-konferenza li fiha l-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma n-nomina tagħha bħala l-President il-ġdid ta’ Malta.
Filwaqt li ċaħdet dak li ntqal fir-rapporti li dehru f’sezzjonijiet tal-midja, sostniet li tixtieq isserraħ ras kulħadd li hi qatt ma esprimiet ruħha kontra l-liġi tal-unjoni ċivili.
Żiedet tgħid li kienet ma’ sħabha meta din ġiet approvata fil-Kabinett. Qalet li ‘tixtieq li tinqata’ din l-ispekulazzjoni’
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru qal li ma jistax jgħid meta u taħt liema Presidenza mistennija tgħaddi l-liġi tal-Unjoni Ċivili, minħabba li ‘fadal l-aħħar ftit affarijiet fil-Parlament’.
Saħaq li mhix kwistjoni liema President se jiffirma din il-liġi. Żied jgħid li din kienet proposta fil-programm elettorali tal-Partit Laburista u għaddiet ukoll mill-Kabinett. Sostna li ladarba tgħaddi mill-Parlament, tiġi ffirmata mill-President.