Hija ‘konvenjenza politika’ li Dr Abela għadu Deputat Mexxej tal-PL – Clyde Puli

Is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli wera siltiet minn intervista ma’ gazzetta lokali fejn wera li l-kap tal-Opposizzjoni Dr Joseph Muscat ħa deċiżjoni konxja dwar it-traffikar ta’ droga f’każin tal-Partit Laburista.

Is-Segretarju Parlamentari kompla jisħaq li Dr Muscat kien jaf b’każ ta’ drogi viċin skola, u ma marx għand il-Pulizija.

Kompla billi fakkar dak li sostna Dr Muscat, li kieku d-Deputat Mexxej tal-Affarijiet tal-Partit Dr Toni Abela kien kandidat għall-elezzjoni, kien ikollu jirtira l-kandidatura tiegħu. Qal li l-fatt li Dr Abela għadu Deputat Mexxej hija biss ‘konvenjenza politika’.

Clyde Puli qal li dan kollu juri li Dr Muscat mhux se jimxi bi trasparenza.

Żied jgħid li wieħed għandu jieħu deċizjonijiet tajbin fil-mument it-tajjeb. Semma n-numru ta’ okkażjonijiet li fihom il-Partit Laburista kien żbaljat. Fost oħrajn semma l-VAT u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Ma dawn, qal Clyde Puli, wieħed irid iżid dan il-każ tad-droga, li fih xi ħadd seta’ tilef ħajtu.

Mistoqsi dwar il-barman li kiteb lil Dr Muscat dwar il-każ tad-droga, Clyde Puli wieġeb li l-identità jew it-twemmin politiku tiegħu m’għandiex tagħmel differenza.

Il-kandidata Claudette Buttiġieġ qalet li toqod viċin ta’ skola, għalhekk is-sitwazzjoni messitha fil-laħam il-ħaj.

Mistoqsi x’jagħmel jekk jirċievi rigali, Clyde Puli qal li jimxi skont il-kodiċi tal-etika kif jagħmel il-Prim Ministru fil-Gvern.

Clyde Puli sostna dak li qal il-Prim Ministru, li s-self ta’ €250,000 lill-kumpanija tal-Partit Nazzjonalista media.link mingħand kumpanija tal-kuntrattur Żaren Vassallo kien biss ftehim kummerċjali. Qal li dan is-self bl-ebda mod ma jista’ jitqabbel mat-traffikar ta’ droga.