Clyde Caruana u Miriam Dalli se jiġu co-opted fil-Parlament

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli u l-Kap tas-Segretarjat tal-PM Clyde Caruana se jieħdu posthom fil-Parlament hekk kif il-Partit Laburista ħabbar li se jiġu co-opted.

Dan wara r-riżenja tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat mill-Parlament u aktar tard tad-Deputat Laburista Etienne Grech.

Fi stqarrija, il-PL qal li laqqa’ lill-Grupp Parlamentari, kif ukoll lill-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, biex jiġu diskussi l-co-options. Intqal li dawn ġew approvati unanimament.

Dr Miriam Dalli hija l-Viċi President tal-S&D. Il-magazine influwenti Politico sejħilha ‘doer’ u hi l-unika MPE mniżżla fil-Class of 2019 ta’ Politico. Ingħatat it-titli tal-MPE tas-Sena fl-oqsma tal-enerġija u s-saħħa. VoteWatch Europe jikklasifikaha kemm-il darba bħala waħda mill-aktar politiċi influwenti fl-Ewropa.

Miriam, avukat, iffukat il-ħidma tagħha fuq il-ħolqien tax-xogħol, l-ambjent u l-enerġija, is-saħħa fiżika u mentali, l-immigrazzjoni, il-green economy u blue economy, fost oħrajn.

F’dawn l-aħħar jiem irċivejt mijiet ta’ messaġġi, minn għandkom, minn għand il-ġurnali u mill-kollegi fi Brussell. Ma…

Posted by Miriam Dalli on Saturday, October 17, 2020

Clyde Caruana serva bħala Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-aħħar xhur. Caruana huwa gradwat fl-ekonomija u lettur fl-Universita’ ta’ Malta. Huwa okkupa wkoll il-kariga ta’ Chariman Eżekuttiv ta’ Jobsplus qabel din il-ħatra. Caruana kien ukoll arkitett fis-sistema tac-childcare centres b’xejn li ġiet introdotta f’pajjiżna fl-2014.

Roberta Metsola tawgura lil Miriam Dalli

F’post fuq Facebook l-Ewroparlamentari Roberta Metsola awgura lill-eks kollega tagħha fil-Parlament Ewropew. Qalet li għalkemm id-dibattiti bejniethom se jonqsu xorta waħda xtaqet tawguralha filwaqt li qalet li t-tnejn li huma fehmu l-importanza li jestendu x-xogħolhom fl-istituzzjonijiet Ewropej.