Clyde Caruana se jkun iċ-Chief of Staff ta’ Abela

Il-Kap Eżekuttiv tal-Jobs Plus, Clyde Caruana, jidher li se jkun il-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Robert Abela (Chief of Staff). Dan ġie kkonfermat fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat, serva f’din il-pożizzjoni Keith Schembri. Hu kien irreżenja wara li ħarġu allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu fl-investigazzjoni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Wara r-riżenja tiegħu f’Novembru, kien mela din il-pożizzjoni Mark Farrugia.

Il-kariga ta’ Chief of Staff hija magħrufa bħala waħda mill-aktar karigi ta’ poter u importanza fil-Gvern. Il-persuna li tkun tokkupa din il-kariga tara li l-Uffiċju tal-Prim Ministru jkun qed jaħdem u jaqdi l-funzjonijiet tiegħu.

Waqt intervista fuq TVM illum, Caruana qal li hu kien jgħin b’mod attiv fil-kampanja elettorali ta’ Abela u kemm-il darba kien qasam l-ideat tiegħu miegħu. Caruana huwa gradwat fl-ekonomija u lettur fl-Università.

Propju llum, Robert Abela ħa l-ġurament tal-ħatra fejn tlaħħaq Prim Ministru ta’ Malta.