Clint Camilleri jinħatar Ministru għal Għawdex

Il-PM aċċetta r-riżenja ta' Justyne Caruana dalgħodu

DOI: Jason Borg

Read in English.

Clint Camilleri nħatar bħala Ministru għal Għawdex wara r-riżenja ta’ Justyne Caruana.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li Robert Abela ħatar ukoll lil Anton Refalo bħala Ministru għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali. Il-ġurament tal-ħatra ta’ Refalo bħala ministru se jkun qed jingħata għada kmieni waranofsinhar.

Dalgħodu l-Prim Ministru Robert Abela qal li aċċetta r-riżenja ta’ Justyne Caruana minn Ministru għal Għawdex. Din ir-riżenja ġiet wara d-diversi rapporti bejn ibieraħ u llum li juru li r-raġel tagħha huwa ħabib ma’ Yorgen Fenech, l-akkużat fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Silvio Valletta, meta kien għadu Deputat Kummissarju tal-Pulizija siefer ma’ Yorgen Fenech, meta Fenech kien diġà identifikat bħala persuna ta’ interess fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan ġie rrappurtat mis-Sunday Times of Malta. Valletta kkonferma mal-istess ġurnal li hu siefer ma’ Fenech, iżda stqarr li ħallas hu u li kien ilu minn Ġunju tal-2018 ma jaħdem fuq il-każ.

Fl-ittra li Dr Justyne Caruana bagħtet lil Prim Ministru, hi saħqet li, “fid-dawl tal-istorja li ħarġet illum, għalkemm jien totalment estrana għaliha u għalkemm m’għandi l-ebda konnessjoni mal-fatti, qed nissottometti r-riżenja tiegħi minn Ministru b’mod immedjat”. Justyne Caruana sostniet li “dejjem qdejt fedelmemt u b’dedikazzjoni assoluta l-inkarigu fdat lili u dejjem imxejt b’rettezza u korettezza, u allura nitlob li nkun nista’ niddefendi ismi minħabba wliedi”.

Il-Prim Ministru tenna li, permezz tal-ħidma ta’ Dr Caruana, kienu ħafna dawk il-familji u individwi li bbenfikaw frott id-deċiżjonijiet tagħha.