Clint Camilleri b’responsabbiltà doppja għax kaċċatur – Birdlife

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, Mark Sultana, sostna li s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri għandu responsabbiltà doppja fejn tidħol il-kaċċa għax hu stess kaċċatur u nassab.

Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt wara konferenza tal-aħbarijiet mill-istess għaqda li talbet lill-Gvern sabiex jipposponi l-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa għall-15 ta’ Ottubru.

Sultana insista li Camilleri huwa mgħarraf sew fuq il-kaċċa, għax hu stess kaċċatur, u għaldaqstant jaf eżatt x’għandu jsir u x’pariri għandu jaċċetta. “Fejn forsi min kien hemm qabel ma kienx jaf dwar il-kaċċa u l-insib, u allura kienu jaċċettaw pariri ħżiena, illum il-ġurnata jekk Clint jaċċetta parir ħażin ikun aċċetta l-konsegwenzi tiegħu,” kompla jinsisti Sultana.

Meta mistoqsi dwar liema staġun tal-kaċċa huwa l-aktar wieħed problematiku, Sultana insista li l-kaċċa fir-Rebbiegħa hija xi ħaġa li Malta lanqas għandha d-dritt li tagħmel u għaldaqstant kull sena trid tiġġustifika lilha nnifisha mal-Unjoni Ewropea.

Min-naħa l-oħra sostna li l-kaċċa fil-Ħarifa tagħmel differenza kbira minħabba t-tajr protett. Sostna li minkejja li wieħed jista’ jargumenta li din it-tip ta’ kaċċa mhix illegali, hija kaċċa li ssir paraventu ta’ kaċċa legali u għal din ir-raġuni qed jitlobu li l-ftuħ tal-istaġun jitmexxa għall-15 ta’ Ottubru.

Irrimarka li filwaqt li s-sena l-oħra fil-Ħarifa nqatlu 55 għasfur prottet, din is-sena diġa inqatlu 44 għasfur protett matul l-ewwel sitt xhur. Allura insista li jekk in-numru għall-Ħarifa jkun identiku għal dak tas-sena l-oħra, se jinkiser rekord li sostna “ħadd m’għandu jkun kburi bih”.