‘Clerus-App’ għajnuna għal Omeliji fuq stil tal-Papa

‘Clerus-App’  hi applikazzjoni  elettronika ġdida maħluqa mill-Vatikan li permezz tagħha s-saċerdoti jista’ jkollhom aċċess għal omeliji fl-istil tal-Papa Franġisku.
Hu fatt magħruf li l-Papa jagħmel omeliji qosra. Fil-quddies ta’ kuljum f’Santa Martha, fejn jgħix l-omelija ma ddumx aktar minn 10 minuti u kemm il-darba fakkar lill-Isqfijiet u s-saċerdoti li l-omeliji għandhom ikunu l-ewwel u qabel kollox, qosra.
“Użaw kliem sempliċi biex jifhimkom kulħadd u tagħmlux omeliji twal”, kien qal il-Papa. “il-priedki għandhom ikunu sempliċi  biex jgħinu lil kulħadd isir persuna aħjar. Għamlu ħilithom kollha biex l-omeliji li tagħmlu ma jkunux imġebbda u olqtu l-qlub ta’ dawk li jkunu qed jisimgħukom”.
Dan is-sentiment wieħed isibu wkoll fl-Eżortazzjoni Appostolika  Evangelii Gaudium  (Il-Ferħ tal-Evanġelju) li kien ħareġ fl-2013 li hi miktuba wkoll fl-istess stil sempliċi li jinftiehem minn kulħadd.
Din l-App il-ġdida tgħin lis-saċerdoti jinsġu omelija bl-għajnuna ta’ riflessjonijiet, kummenti  u meditazzjoni fuq il-Vanġelu. Clerus-App hi sponsorjata mill-Kongregazzjoni tal-Kleru u d-dipartiment tal-informazzjoni tal-Vatikan, għalissa  hi bit-Taljan imma qed issir ħidma biex ikun hemm verżjoni wkoll bl-Ingliż.
S’issa  l-applikazzjoni diġa’  tniżżlet aktar minn elf darba minn fuq Google Play u kellha ħafna riċensjonijiet pożittivi. F’edizzjoni riċenti tal-gazzetta tal-Vatikan “L’Osservatore Romano” l-applikazzjoni kienet ippreżentata bħala waħda li kull nhar ta’ Ħamis toffri “suġerimenti għal omeliji lil dawk li jixtiequ japprofondixxu u jimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla waqt il-liturġija tal-Ħadd”.
L-applikazzjoni toffri diversi possibiltajiet fosthom li żżid noti, tkabbar jew iċċekken id-daqs tat-test, tagħżel kulur differenti għall-isfond u li tniżżel u taħżen omeliji.  Is-saċerdoti jkunu jistgħu wkoll jgħaddu dawn l-omeliji fuq in-networks soċjali tagħhom.
“Din hi għodda oħra biex inkunu qrib il-qassisin” qal Fr Andrea Ripa, Sott-Segretarju tal-Kongregazzjoni għall-Kleru. Din hi ħjieda mas-servizz li l-Kongregazzjoni ilha toffri għal ħafna snin permezz tas-sit elettroniku u n-newsletter tagħha.
L-applikazzjoni mhux maħsuba biex tgħallem lis-saċerdoti kif jipprepraw l-omeliji tagħhom imma “b’umilta’ irridu noffru ideat għall-omeliji billi nagħmlu riferenza għal qassisin b’espejenza kbira fl-ippriedkar”. Fil-fatt ħafna mill-ideat se jinkitbu mill-Ġiżwita Fr. Marko Ivan Rupnik, teologu magħruf li jemxxi d-Dipartiment tal-Arti Spiritwali fiċ-Ċentru Aletti ta’ Ruma.