Cleaners u skrivani f’Monte Karmeli qed jagħmlu xogħol ħaddieħor – GWU

Il-General Workers’ Union (GWU) irreġistrat tilwima industrijali fl-Isptar Monte Karmeli hekk kif il-cleaners u l-iskrivani spiċċaw jagħmlu xogħol ħaddieħor.

Fi stqarrija, il-GWU qalet li t-tilwima industrijali ġiet irreġistrata bil-għan li ħaddiema tal-kuntratturi impjegati fl-Isptar Monte Karmeli bħala skrivani u cleaners, u li spiċċaw jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni, ikollhom il-pożizzjoni tagħhom regolata. Din it-tilwima ġiet irreġistrata hekk kif l-unjin sostniet li wara ġimgħat ta’ diskussjoni ma waslu mkien konkret.

Il-GWU spjegat li talbet biex jiġu rranġati l-anomaliji li qed joħolqu diskriminazzjoni u sitwazzjoni inaċċettabbli. Is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel, Kenny Muscat, qal li l-unjin infurmat lill-isptar li dan mhux aċċettabbli u li mhux jingħataw il-pagi u l-kundizzjonijiet li suppost jirċievu ħaddiema li qed jagħmlu x-xogħol tagħhom.

Il-GWU wissiet li sakemm din is-sitwazzjoni tibqa’ mhux solvuta, se tagħmel użu mid-dritt li ttieha l-liġi u qed tagħti d-direttiva lill-imsieħba tagħha biex ma jagħmlux xogħol ta’ manutenzjoni u kostruzzjoni.