Clayton u Lenies se jiżżewġu

Wara li f’Diċembru li għadda saru ġenituri għall-ewwel darba meta kellhom liċ-ċkejken Noah, l-atturi Clayton Pace u Lenies Gauci issa qed jaħsbu għall-pass li jmiss fir-relazzjoni tagħhom.

Pace, permezz ta’ messaġġ fuq is-sit soċjali Facebook, kiteb, “Fl-2019 din it-tfajla tatni l-ikbar rigal ta’ ħajti,” b’riferenza għat-twelid taċ-ċkejken Noah, waqt li żied ukoll, “Fl-2020 din it-tfajla se ssir marti”.

L-indikazzjonijiet fl-istess messaġġ huma li t-tieġ se jsir f’Settembru li ġej fi Sqallija.

Lil Clayton Pace, li dan l-aħħar ipproduċa u rajnieh fis-sensiela Ġrajjiet in-Nannu Ċens fuq l-istazzjon One, mil-lejla se jkun fil-cast ta’ atturi li se naraw fis-serje Game Over li se tixxandar fid-9pm fuq One.

Minn għada l-Ħamis 9 ta’ Jannar, lil Lenies se nkunu qed narawha fil-puntati l-ġodda tas-sensiela Fattigi li se tkun qed tirritorna fil-ħin ta’ 8.45pm fuq l-istazzjon Net.

Nawgurawlhom aktar suċċessi, kif ukoll l-isbaħ xewqat fil-pjanijiet li qed jagħmlu għall-futur tagħhom flimkien.