Claudia Faniello f’kunċert kbir fi Frankfurt

Claudia Faniello fil-Ġermanja. Ritratt: Facebook

Għada l-Ħadd 7 ta’ Lulju huwa jum importanti għall-kantanta Claudia Faniello, hekk kif se tkun qed tingħaqad ma’ grupp kbir ta’ mużiċisti biex tagħti wirja waqt kunċert kbir bl-isem ta’ Rockin’1000.

L-isem ġej mill-fatt li għal dan il-kunċert se jkunu qed jagħtu sehemhom elf mużiċist minn madwar id-dinja li jingħaqdu flimkien fuq palk wieħed.

Diġà ttella kunċert simili fid-29 ta’ Ġunju f’Pariġi, fi Franza, u issa jmiss dak ta’ nhar il-Ħadd li ġej ġewwa Commerzbank-Arena fi Franfurt, fil-Ġermanja.

Għal Claudia x-xewqa li tkun parti minn dan il-kunċert nibtet is-sena l-oħra meta attendiet għall-edizzjoni li saret Firenze.

“Wara li attendejt is-sena l-oħra ġibt informazzjoni dwar x’nista’ nagħmel biex inkun nagħmel parti minn dan il-kunċert biex nieħu sehem fih. Għażluni mill-ewwel u issa qegħda hawn. Esperjenza mill-isbaħ,” kienu l-kummenti li Claudia Faniello tat lil newsbook.com.mt meta kellimniha.

Il-kantanta Maltija kienet rappreżentat lil Malta fil-Eurovision Song Contest fl-2017 wara snin twal ta’ parteċipazzjoni fil-Malta Eurovision Song Contest. Dan l-aħħar hija ħadet sehem ukoll f’festival fil-Moldova fejn kisbet ukoll il-Grand Prix fil-festival Faces of Friends.

AQRA: Claudia Faniello tirbaħ festival fil-Moldova

AQRA: Filmat: Il-wirja ta’ Claudia Faniello fil-Moldova

Il-pass li jmiss għal din il-kantanta se jkun li f’qasir żmien tniedi materjal ġdid.

AQRA: Claudia Faniello tħejji materjal ġdid

Sadattant, sakemm nistennew materjal ġdid minn din il-kantanta, nawguraw suċċess kbir lil Claudia għal dan il-kunċert ta’ nhar il-Ħadd li ġej.