Claudette Buttigieg tneħħiet mill-PBS b’mod illegali u abbużiv – It-Tribunal

Id-deċiżjoni tal-PBS li jwaqqaf lil Claudette Buttigieg milli tkompli bil-programm Sellili fl-2012 kienet deċiżjoni illegali.
It-Tribunal għar-Reviżjoni Amministrattiva qal ukoll li din kienet deċiżjoni “abbużiva”.
Buttigieg, li llum hija deputat Nazzjonalista, kienet infurmata li l-Bord Editorjali tal-PBS kien kiteb lil Deemedia.tv biex jgħidilhom illi Buttigieg ma setgħetx tibqa’ tippreżenta l-programm Sellili.
Din id-deċiżjoni kienet ittieħdet mill-Bord Editorjali ftit biss wara li kienet ħabbret il-kandidatura tagħha mal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-2013.
Buttigieg imbagħad fetħet passi kontra l-PBS, il-Bord Editorjali u l-kumpanija Deemedia li kienet qed tipproduċi l-programm ta’ waranofsinhar.
Hija qalet li l-programm ma kellu l-ebda kontenut politiku jew ta’ ġrajjiet kurrenti iżda kien programm immirat lejn in-nisa tad-dar.
Żiedet tgħid illi d-deċiżjoni affettwata ħażin finanzjarjament, minbarra li diġà kien hemm deċiżjoni tal-Qorti li kienet turi li deċiżjoni bħal dik li kien ħa l-Bord Editorjali kienet abbużiva.
It-Tribunal Amministrattiv taħt il-presidenza tal-Maġistrat Charmaine Galea għalhekk iddeċieda li d-deċiżjoni tal-PBS u tal-Bord Editorjali kienet bla bażi, abbużiva u illegali.
Iżda t-Tribunal ma ddeċidiex dwar kumpens għad-danni li sofriet Buttigieg peress li dawn jistgħu jkunu deċiżi mill-Qorti.
Fi stqarrija maħruġa mill-PBS intqal li l-kumpanija se tappella mid-deċiżjoni.