Claudette Buttigieg b’ħatra f’Netwerk ta’ Dijabete

Il-Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg inħatret bħala l-ewwel Leader tar-Reġjun Ewropew tal-Parliamentary Diabetes Global Network (PDGN).

Dan tħabbar mill-Għaqda Maltija kontra d-Dijabete fi stqarrija t-Tnejn.

Il-laqgħa tal-PDGN saret waqt il-kungress annwali tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Istudji tad-Dijabete, li saret f’Barċelona.

Waqt il-laqgħa, Buttigieg tkelmet dwar l-impatt li jista’ jkollhom gruppi parlamentari li jaħdmu fuq id-dijabete. Hi spjegat ix-xogħol li jsir mill-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Dijabete fil-Parlament Malti, liema grupp jinkludi deputati miż-żewġ naħat tal-kamra.

In-network ġie stabbilit fl-2013 bil-għan li jgħin lill-membri parlamentari madwar id-dinja jagħmlu politika fil-qasam tad-dijabete li tħalli impatt pożittiv fuq dawk milqutha.