Class Co. Ltd itellgħu klinika temporanja tal-għajnejn f’San Blas

Class Co. Ltd ta’ San Gwann fakkru l-Jum Dinji tal-Vista ix-xahar li għadda meta tellgħu klinika moderna u mgħammra b’kollox biex ir-residenti taċ-Ċentru tal-Komunità Terapewtika tal-Caritas f’San Blas setgħu jittestjaw għajnejhom u jirċievu riċetta b’xejn.
Tlett optometristi, Jerome Gabarretta, Kerstien Gabarretta u Julien Tua, taw il-kontribut tagħhom biex din l-inizjattiva setgħet isseħħ skont it-tema ta’ din is-sena tal-Jum Dinji tal-Vista: inkabbru l-għarfien fil-komunità biex l-għajnejn jiġu ttestjati b’mod regolari biex jitnaqqsu/jindunaw qabel bis-sinjali ta’ nuqqas ta’ vista, it-telf tal-vista u mard relatat mal-għajnejn.
Skont it-tema tal-Jum Dinji tal-Vista, hu rakkomandat li jsiru testijiet fuq l-għajnejn b’mod regolari mill-inqas kull sentejn.
Class Co. Ltd., organizzazzjoni li tispeċjalizza fl-industrija ottika, ilha taħdem fis-suq lokali għal iktar minn 30 sena. Il-kumpanija tipprovdi għażla wiesa ta’ prodotti ottiċi u servizzi relatati għall-ħwienet tan-nuċċalijiet kemm permezz tal-impjant tagħha ta’ manifattura u dipartiment tal-importazzjoni, u topera l-unika laboratorju ottiku ‘free-form’ armat f’Malta.