‘Ċittadin Malti’ jammetti li froda l-miljuni

Mustafa Abdel Wadood ammetta li huwa ħati ta’ frodi quddiem qorti Amerikana. Wadood li għandu passaport Malti kien arrestat fil-11 ta’ April f’New York City hotel u qed jaffaċċja akkużi ta’ frodi fuq miżappropjazzjoni ta’ miljuni ta’ dollari tal-Abraaj Group.

Huwa kien soċju diriġenti tal-kumpanija bbażata f’Dubaj. Quddiem il-Qorti Federali f’Manhattan huwa ammetta li gideb li diversi investituri madwar id-dinja biex jaħbi t-telf li kien qed jagħmel il-grupp u biex jtella’ iktar fondi, f’Ġunju li għadda. Wadood huwa wieħed mis-sitt diriġenti tal-Abraaj Group li qed jaffaċċjaw akkużi ta’ frodi fil-konfront tagħhom wara investigazzjoni li saret mill-prosekuturi fi New York.

Iktar kmieni Wadood kien qal li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Iżda f’Ġunju, Wadood, fi stqarrija li kien qara quddiem il-Qorti kien qal li fl-2014 meta kollox beda ġej ħażin missu telaq minn Abraaj Group, iżda ma għalkemm ikkunsidra l-possibilità huwa ma għamilx dan. Sostna li d-dedikazzjoni tiegħu lejn il-kumpanija waslet biex imminat l-integrità tal-ġudizzju tiegħu. Huwa kien temm jgħid li dan wassal biex aġġixxa b’mod differenti milli kif jaġixxi s-soltu.

Isem Wadood deher fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ 21 ta’ Diċembru 2018 u kien imniżżel mal-persuni li saru Maltin bejn Jannar u Diċembru 2017. Ir-raġel aktarx xtara ċ-ċittadinanza hekk kif hemm diversi oħrajn bl-istess kuljom u aktarx huma membri tal-familja. Il-lista ppubblikata mill-Gvern ma tagħmilx distinzzjoni bejn dawk li ġew naturalizzati u dawk li xtraw iċ-ċittadinanza.

Wadood ħadem mal-Abraaj mill-2006 sal-2018. Huwa kien ingħata ħelsien mill-arrest wara li ffirma $10 miljun f’bonds u qabel li jibqa’ arrestat fl-appartament tiegħu f’New York.

Huwa aċċetta li jikkopera mal-prosekuturi bħala parti mill-ftehim li ntlaħaq fejn ammetta l-ħtija.

Fl-istqarrija tiegħu, Wadood qal li huwa jaċċetta r-responsabilità għal dak li ġara u li jiddispjaċih talli kien involut.

Aqra iktar:

‘Ċittadin Malti’ akkużat b’kuntrabandu u evażjoni tat-taxxa fl-Istati Uniti