Ċittadin ‘Malti’ investigat dwar ħasil tal-flus fil-Finlandja

Ir-reputazzjoni ta’ Malta ġiet imqegħda f’dubju wara storja li xandar ix-Xandir Nazzjonali Finlandiż YLE. L-istorja hija relatata mal-ħasil tal-flus. Il-pulizija Finlandiża tefgħet għajnejha fuq ditta tal-proprjetà f’dik li kienet deskritta bħala operazzjoni maġġuri tal-pulizija.

Il-pulizija interrogat 7 persuni fil-konnessjoni mal-każ, arrestat 3 minnhom biex wara żammet persuna waħda. L-isem tal-persuna inżamm mistur fl-interess tal-investigazzjoni. Mid-dokumenti sottomessi lill-Uffiċċju Finlandiż tar-Reġistrazzjoni juru li l-persuna huwa wkoll ċittadin ta’ Malta wara li ġie vverifikat li kien xtara passaport Malti fl-2016.

Ix-xandar Finlandiż qal li Malta spiss tiġi użata biex tkun evitata t-taxxa. Madankollu skond ir-rapporti, l-ebda evidenza ma nstabet li tgħaqqad lir-Russu ma’ negozju f’Malta.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Investigazzjoni tal-Finlandja qajmet suspetti li kumpanija fil-Lbiċ tal-Finlandja kienet involuta fi skema internazzjonali estensiva ta’ ħasil tal-flus. L-Uffiċċju qal li jissuspetta li miljuni ta’ ewro ġew maħsula kif ukoll intuża xogħol illegali.

Ir-raġel, aktar tard ġie identifikat minn Matthew Caruana Galizia li xerred l-aħbar fuq Twitter.