Ċittadin Malti arrestat wara li kien imfittex mill-Istati Uniti

Huwa kien qed jiġi mfittex għal reati relatati ma' attivitajiet sesswali ma' minorenni.

Miguela Xuereb

Read in English.

Ġie arrestat ċittadin Maltin imfittex għal reati relatati ma’ attivitajiet sesswali ma’ minorenni li allegatament twettqu fl-Istati Uniti.

Dan ġie mħabbar fi stqarrija mingħand il-Pulizija, li spjegat li ir-raġel ta’ 57 sena ġie arrestat fis-7.15am fid-dar tiegħu f’San Pawl il-Baħar. Huwa mfittex mill-awtoritajiet Amerikani għal reati relatati ma’ attivitajiet sesswali ma’ minorenni taħt is-16-il sena. Il-Pulizija Maltija tikkonferma li ma sar ebda reat tal-istess natura f’Malta, mill-persuna arrestata.

Huwa ġie arrestat mill-Pulizija Maltija tas-Central Intelligence & Analysis, flimkien mal-Pulizija Maltija tal-Interpol fi ħdan it-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali. Huwa ġie arrestat permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Internazzjonali maħruġ mill-Istati Uniti.

Ir-raġel issa mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin sabiex jibdew il-proċeduri ta’
estradizzjoni lejn l-Istati Uniti. Il-Prosekuzzjoni se titmexxa mill-Pulizija Maltija tal-Interpol flimkien mal-Avukati fi ħdan l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali.