Ċitazzjonijiet bl-addoċċ għall-ħaddiema f’Mater Dei – MUMN

Numru ta’ persuni li jaħdmu fl-isptar Mater Dei qed jingħataw ċitazzjonijiet bl-addoċċ skont il-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN).

Fi stqarrija, l-MUMN qalet li numru ta’ infermiera, qwiebel, physiotherapists u ECG technicians ilmentat li rċivew numru ta’ ċitazzjonijiet li ma kienux jagħmlu sens. L-unjin qalet li meta ppruvaw jagħtu spegazjoni, il-ħaddiema ġew injorati minn kulħadd.

L-MUMN qalet li f’’dawn l-aħħar ġimgħat il-Gvern ħabbar fil-pubbliku li l-kuntrattur li jieħu ħsieb l-ipparkjar tal-vetturi ġewwa l-isptar Mater Dei inbidel. L-MUMN kienet qed tistenna li s-sitwazzjoni taqleb xi ftit għall-aħjar però ġara bil-maqlub għaliex is-sitwazzjoni marret għall-agħar, tant li dak li qed jesperjenzaw il-membri tal-MUMN, ma kienu qatt esperjenzawh qabel.”

Skont l-MUMN m’hemmx kontroll fuq min jidħol jipparkja fl-isptar u li persuni mhux intitolati għall-parkeġġ qed jieħdu post l-impjegati. Spjegat li dawn iridu jmorru siegħa u nofs qabel ma jibdew ix-xogħol biex isibu post għall-parking. Żiedet tgħid li l-kuntrattur minflok solva din il-problema beda “jfajjar ċitazzjonijiet bl-addoċċ”. Fi kliem il-unjin, ir-regoli dwar il-parkeġġ inbidlu mill-lejl għan-nhar mingħajr xi tip ta’ avviż.

L-MUMN appellat lill-Gvern u l-amministrazzjoni tal-isptar biex jirregolaw din is-sitwazzjoni b’mod urġenti. Fin-nuqqas ta’ dan, il-unjin se torganizza protesta fit-toroq tal-isptar sabiex il-membri tagħha “jwasslu l-messaġġ tagħhom b’mod dirett.”

F’Awwissu, ħaddiema fl-Isptar Mater Dei li spiċċaw ikollhom iħallsu €2 kuljum jekk jagħmlu użu mill-parking sostnew li laqgħa bejn il-General Workers’ Union u l-Gvern ma wasslet għall-ebda ftehim għall-ħaddiema.

F’Lulju, il-moviment Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista qal li l-ħaddiema klerikali u tas-sigurtà li jaħdmu fl-isptar Mater Dei mal-kuntrattur mhux ikunu stmati daqs ħaddiema oħra li jagħmlu l-istess xogħol.