Ċipru mistenni jippreżenta “pjan B” biex joħroġ mill-kriżi finanzjarja

Il-President Ċiprijott, Nicos Anastasiades, illum se jippreżenta “pjan B” wara li l-bieraħ il-parlament irrifjuta li jdaħħal taxxa fuq it-tfaddil fil-kontijiet bankarji, li minnha l-gvern kien se jdaħħal kważi €6 biljun. Il-banek f’Ċipru mistennija jibqgħu magħluqa sa nhar it-Tlieta li ġej biex ma jkunx hemm ħafna nies li jiġbdu flushom.
Jirriżulta li l-pjan il-ġdid ta’ Ċipru se jinkludi wkoll għajnuna mir-Russja. Bħalissa, il-Ministru Ċiprijott tal-Finanzi, Michaellis Sarris, jinsab f’Moska biex iħeġġeġ lir-Russja tagħti l-għajnuna tagħha permezz ta’ investiment ġdid f’Ċipru.