Ċipru jkollu jgħolli t-taxxi sabiex jikseb self ta’ €10 biljun

Il-Ministri tal-Finanzi fiz-Zona Ewro, f’ laqgħa intensa li ħadet mad-9 sigħat waslu għal qbil fuq pjan li għandu jgħin lil Ċipru jikseb għajnuna finanzjarja ta’ €10 biljun sabiex ikun jista’ jsolvi l-problemi finanzjarji li qed jaffaċċja l-pajjiż.

Il-Ministru tal-Finanzi, l-Profs Edward Scicluna, qal li jekk wieħed kellu xi dubji dwar id-diffikultajiet li pajjiż jaffaċċja meta jkun f’sitwazzjoni ta’ dejn kbir, biżżejjed ikun preżenti għal din il-laqgħa intensa li baqgħet għaddejja sas-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu. Il-proposti li kien hemm qbil fuqhom, jinkludu żidiet fit-taxxi, jitħallas dazju ta’ darba fuq id-depożiti, jinbiegħ id-deheb u jiċkien is-settur bankarju ta’ Ċipru.

Fi stqarrija, l-Gvern qal li Malta segwiet mill-qrib dak li kien qed jiġi diskuss sabiex jara li jiġu salvagwardjati l-interessi ta’ min qed isellef waqt li fl-istess ħin jiġi assigurat li l-kundizzjonijiet imposti ma jkunux ta’ sofferenza kbira fuq il-poplu ta’ Ċipru.