Ċipru f’taħdidiet mal-UE bil-għan li jevita milli jfalli

Il-President Ċiprijott Nicos Anastasiades wasal Brussell bil-għan li Ċipru jkompli jipprova jilħaq ftehim biex jevita milli jfalli.

Il-vjaġġ tal-President Ċiprijott lejn Brussell qed isir propju jum wara li t-taħdidiet bejn Ċipru u l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Fond Monetarju Internazzjonali spiċċaw mingħajr konklużjoni.

Hu mifhum li l-President Ċiprijott daħal fil-kwartieri tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, ftit wara s-siegħa tal-Ħadd wara nofsinhar. Dan hekk kif aktar tard il-Ħadd filgħaxija mistennija laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi mis-sbatax -il pajjiż fiż-żona ewro.

Ċipru għandha bżonn €5.8 biljun bil-għan li tikkwalifika għal self ta’ €10 biljun. Il-Kummissarju Ewropew għall-Ekonomija Olli Rehn saħaq li Ċipru fadallu biss ftit għażliet, hekk kif il-mexxejja tal-pajjiż qed jaraw kif se jakkwistaw din is-somma.