Ċippa taħt il-ġilda biex tagħmel fotokopja fl-uffiċju

Ċippa li tiddaħħal taħt il-ġilda bdiet tieħu post il-cards li jintużaw biex impjegati jidħlu fl-uffiċju.
Din hija teknoloġija li diġà qed tiġi addottata minn kumpanija Żvediża.
Impjegat ta' dil-kumpanija jista’ jxejjer idejh biex jiftaħ il-bieb tal-uffiċju jew biex iħaddem il-magna tal-fotokopji.
Taħt il-ġilda t’idu dan il-ħaddiem għandu ċippa żgħira daqs rossa.
Dalwaqt mas-700 impjegat li jaħdmu f’dawn l-uffiċini se jingħataw l-opportunità li jagħmlu din iċ-ċippa.
Ġew imwiegħda li minbarra aċċess għall-bibien, ‘il quddiem se jkunu jistgħu iħallsu wkoll għall-kafe’ permezz ta’ idhom.
Meta tħabbret din l-inizjattiva, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija stess offra li tiddaħħallu ċ-ċippa quddiem l-impjegati kollha.
Qal li kulma ħass kienet tingiża bħal dik ta’ tilqima.
Sostna li din it-teknoloġija tiffrankalek li toqgħod tiftakar ħafna passwords u kodiċi differenti.