Ċint f’Birkirkara jibqa’ mwaqqa’ u l-ħadid maqlugħ

Wara li Newsbook.com.mt tkellem mal-Kunsill Lokali ta' Birkirkara, jidher li l-ħidma biex jitranġa ċ-ċint u l-ħadid li twaqqa’ f'inċident, li seħħ fil-ġranet li għaddew, għadha ma bdietx. 
Fl-10 ta' Awwissu li għadda, żagħżugħ baqa’ dieħel fiċ-ċint u fil-ħadid fi Triq Dun Gejtanu Mannarino f’Birkirkara.
B’konsegwenza ta’ dan, il-karozza baqgħet nieżla fil-wied ta’ fejn id-Departiment tal-VAT.  
Rappreżentanti tal-Kunsill Lokali ta' Birkirkara qalu ma' Newsbook.com.mt li qed jistennew konferma mill-kumpanija tal-assigurazzjoni biex tkopri l-ispejjeż involuti.
Newsbook.com.mt għamel ukoll kuntatt ma' rappreżentanti ta' din il-kumpanija, fejn irriżulta li ma saritx korrispondenza dwar dan il-każ bejn il-Kunsill u l-kumpanija.
Kelliem għall-kumpanija tal-assigurazzjoni stqarr li meta jiġi stabilit ta' min kien it-tort fl-inċident, u jekk il-polza tkoprix il-każ, il-Kunsill jista' jibgħat stima tad-danni.
Qal li din tiġi approvata mill-kumpanija jekk l-prezz ikun wieħed raġonevoli. 
Residenti li tkellmu ma' Newsbook.com.mt appellaw biex kemm jista' jkun malajr isiru t-tiswijiet meħtieġa minħabba l-periklu fl-inħawi.