Cini ma jirribattix l-akkużi serji ta’ Matthew Caruana Galizia

Karl Cini Nexia BT Matthew Caruana Galizia akkużi

Karl Cini, partner tal-kumpanija Nexia BT li fetaħ il-kumpaniji fil-Panama lil Keith Schembri u Konrad Mizzi u l-kumpanija Egrant ma rribattiex l-akkużi ta’ Matthew Caruana Galizia li Cini flimkien ma’ Luis Quiel allegatament iffalsifikaw id-dokumenti dwar il-kumpanija Egrant.

Newsbook.com.mt għamel ħin twil jipprova jċempel lil Cini li mbagħad ċempel lura filgħaxija.

Meta mistoqsi jekk jiċħadx dak li kiteb Matthew, iben Daphne Caruana Galizia, Cini bil-herra minflok irribatta l-akkużi serji ta’ Caruana Galizia wieġeb li jekk din il-kamra tal-aħbarijiet għandha xi mistoqsijiet għandha tagħmilhom bil-miktub u qal li jirrispondi kif iħoss.

Mill-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja ġie kkonfermat li Hearnville Inc kienet tal-Ministru Konrad Mizzi, Tillgate Inc kienet taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Fir-rapport tiegħu, il-Maġistrat kiteb ukoll li ma sabx evidenza kif titlob il-liġi li turi li l-kumpanija Egrant kienet ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. Is-sinjura Muscat minn dejjem kienet ċaħdet illi Egrant kienet tagħha.

Il-Maġistrat Bugeja qal ukoll li d-dokument li kellu dwar il-kumpanija Egrant u li fih kien jissemma isem Michelle Muscat kellu firma falza u allura kien dokument falsifikat.

Ftit tal-jiem ilu Matthew Caruana Galizia allega fuq Facebook li d-dokumenti dwar il-kumpanija Egrant ġew iffalsifikati minn Karl Cini u Luis Quiel, l-avukat ta’ Mossack Fonesca li kien tkeċċa. Caruana Galizia kiteb ukoll li meta deher quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, kien mgħarraf mill-maġistrat li ma jistax jipproteġih jekk joħroġ imejls jew dokumenti oħra li ma kellux dritt legali li jkunu għandu.

Matthew Caruana Galizia li flimkien mal-kollegi tiegħu fil-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi rebaħ il-premju prestiġġjuż Pulitzer għax-xogħol investigattiv li għamlu dwar il-Panama Papers.

Fil-konverżazzjoni qasira, Newsbook.com.mt staqsa lil Cini jekk hu qattx iltaqa’ wiċċ imb wiċċ ma’ Luis Quiel. Cini  wieġeb li ma għandux kummenti. Newsbook.com.mt staqsa lil Cini jekk hu qattx iltaqa’ wiċċ imb wiċċ ma’ Jacqueline Alexander, l-impjegata ta’ Mossack Fonseca li l-firma tagħha tidher fuq id-dokumenti dwar Egrant. Huwa reġa’ wieġeb li m’għandux kummenti x’jagħti.