“Ċimiterju għall-annimali le; krematorju dalwaqt” – Moira Delia

L-attivista għad-drittijiet tal-annimali, Moira Delia qalet fuq Facebook li f’Malta mhux vijabbli li jsir ċimiterju għall-annimali, għaldaqstant tul l-aħħar snin ħadmet sabiex Malta jkollha krematorju għall-annimali, li issa jidher li se ssir realtà.
Dan wara li bosta raw il-filmat taż-żeffien lokali Felix Busuttil li lbieraħ mietlu l-kelb tiegħu u li sostna li jixtieq itih id-difna li tixraqlu. Huwa qabblu ma’ membru tal-familja u sostna li bħal membru tal-familja jrid ikun jista’ jżur il-qabar tiegħu u jiftakru.

Kawża tal-esperjenza ta’ Busuttil, u ħafna Maltin oħra bħalu, Gadget bdew petizzjoni onlajn sabiex jitolbu għaċ-ċimiterju li ġie mwiegħed fl-2015 li kellu jospita aktar minn 11,000 annimal. S’issa aktar minn 3,000 persuni niżżlet isimha f’din il-petizzjoni, bil-mira tkun dik li jintlaħqu 5,000 firma.
Fil-messaġġ tagħha, Delia spjegat li għall-aħħar 20 sena, il-politikanti miż-żewġ partiti ewlenin użaw l-annimali bħala ballun politiku mingħajr ma għamlu r-riċerka kif suppost, u wiegħdu ċimiterju meta dan ma kienx possibbli.
Insistiet kif fl-aħħar snin ħadmet bis-sħiħ sabiex tassigura li Malta jkollha krimatorju għall-annimali sabiex ikollhom finali aktar dinjituża. Hi rnexxiela tiġbor biżżejjed flus u riżorsi sabiex din il-ħolma ta’ ħafna sseħħ hekk kif l-awtoritajiet flimkien mal-Island Sanctuary issa jinsabu f’pożizzjoni li jassiguraw li l-krematorju jiftaħ dalwaqt.
Fil-messaġġ tagħha, Delia qalet li tittama li dan il-proġett jagħmel il-proċess tal-firda bejn il-bniedem u l-annimal tiegħu ftit aktar sopportabbli.