Ċilì: il-qassis issentenzjat mill-Knisja jgħid li “qatt ma kellu relazzjoni ma’ minuri”

It-tabib tal-qassis Fernando Karadima taċ-Ċilì, li qed jiskonta sentenza ta' penitenza mill-Knisja minħabba abbużi sesswali, u li l-każ tiegħu reġa’ tqajjem bl-investigazzjonijiet tal-Arċisqof Charles Scicluna, fuq talba tal-Papa Franġisku, qal mal-midja li Karadima qatt ma kellu relazzjonijiet ma’ minuri.
Mal-każ ta’ allegazzjonijet dwar abbużi sesswali ta’ dan il-qassis, mifruxin fuq bosta snin, hemm il-kwistjoni tal-Isqof ta’ Osorno fiċ-Ċilì, Juan de la Cruz Barros, li l-vittmi allegaw li dan kien jaf b’dak li kien qed iwettaq il-qassis, anzi kien preżenti f’każijiet minnhom, iżda dejjem għattielu.
It-tabib ta’ Karadima, Santiago Soto, tkellem mal-aġenzija tal-aħbarijiet LUN u ta l-punto di vista tal-qassis.
Sostna li l-qassis qallu quddiem it-tabernaklu li qatt ma kien involut f’relazzjoni sesswali ma’ minuri, u li lanqas jista’ jifhem għala l-Isqof Osorno qed ikun investigat. Soto rrimarka li Karadima qallu li rari kien jiltaqa’ mal-Isqof, għax kważi qatt ma kien jersaq lejn il-parroċċa li fiha kien iservi l-qassis.
Fernando Karadima issa ilu 30 sena ssentenzjat mill-Knisja, li kienet bagħtitu fid-Dar San José de Lo Barnechea għal snin ta’ penitenza u talb.
It-tabib tiegħu qal lill-ġurnalisti li Karadima għandu dipressjoni ċċertifikata kemm minnu, kif ukoll minn psikjatra.
Qal li hu jibża’ joħroġ barra mid-dar għal xi test jew ħaġa oħra, għax jaqla’ t-tgħajjir, jobżqulu u jakkużawh.
Il-Papa kien qabbad lill-Arċisqof Malti biex jinvestiga dal-każ u jitkellem mal-vittmi. Dawn kellhom kliem ta’ tifħir għall-mod kif Mons. Scicluna tahom widen, tant li l-Papa wkoll iltaqa’ magħhom il-ġimgħa l-oħra.
Wieħed mill-vittmi qal li kien l-Arċisqof li fetaħ għajnejn il-Papa dwar il-każ.
Min-naħa tiegħu Franġisku skuża ruħu mal-vittmi, peress li fil-vjaġġ li kien għamel fiċ-Ċilì u l-Perù xi xhur ilu kienu staqsewh dwar il-każ, u qalilhom li dawn kienu kollha kalunji.
Il-Papa ġie rrappurtat jgħidilhom jaħfrulu, talli hu “kien ukoll parti mill-problema”.