Aġġornata (1): Ċikonja sewda tinqatel fil-Buskett

B’reazzjoni għall-qtil taċ-ċikonja sewda li seħħ dalgħodu, Birdlife Malta qalet li numru ta’ voluntiera flimkien mal-Pulizija kienu għassa matul il-lejl fil-Buskett wara li lbieraħ filgħaxija ċikonja niżlet tistkenn fis-siġar wara li ġew sparati tiri lejn grupp ta’ ċikonji li kienu qed itiru fil-viċin.

Birldife Malta qalet ukoll li għandha filmati taċ-ċikonja tiġi milquta b’tiri minn kaċċattur illegali kmieni dalgħodu. Jidher li ċ-ċikonja telqet minn fuq is-siġar għall-ħabta tas-6:30 ta’ dalgħodu u kompliet ittir flimkien ma’ ċikonja sewda oħra. Ftit tal-ħin wara seħħet l-isparatura fejn kienet milquta waħda mit-tjur.

Intant il-Kap Eżekuttiv ta’ Birldife Malta Steve Micklewright qal li minkejja li FKNK qed tgħid li qed tagħmel dak kollu possibli biex tnaqqas dawn l-inċidenti, dan mhux biżżejjed biex titwaqqaf il-kaċċa llegali. 

Aktar qabel:

Ċikonja sewda li hija rari ħafna nqatlet kmieni dalgħodu fl-inħawi tal-Buskett.

Inċident seħħ wara li tliet ċikonji dehru jtiru fl-inħawi tal-Buskett ftit qabel ma nstemgħu tliet tiri. Waħda minn dawn iċ-ċikonji ntlaqtet u nstabet mejta ftit wara minn xi persuni li minn naħa tagħhom irrapurtaw il-każ lill-Pulizija.

Intant  fi stqarrija l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) kkundannat dan l-att kriminali li wassal għal qtil tat-tajra li hija protetta. Il-Federazzjoni ħeġġet lill-membri tagħha u lill-pubbliku inġenerali li jistgħu jgħinu lill-Pulizija fl-istħarriġ tagħhom biex jagħmlu dan mill-aktar fis sabiex jinqabad minn wettaq il-qtil.

Il-FKNK qalet ukoll li lbieraħ deheru għadd ta’ ċikonji jtiru fuq Malta flimkien ma’ ajkli u tajr ieħor protett.

Fi stqarrija separata l-Assoċjazzjoni Kaċċaturi San Umbertu (KSU), ukoll ikkundannat dan l-att kriminali. L-Assoċjazzjoni qalet li filwaqt li tinnota li matul dan l-istaġun naqsu dawn l-illegalitajiet, tħeġġeġ lill-Qorti biex timplimenta l-eħrex pieni għall-każijiet simili.

Il-KSU tawgura li l-introduzzjoni ta’ Wildlife Crime Unit fi ħdan il-Pulizija u sentenzi aktar ħarxa jkomplu jnaqqsu każi simili.

 

Ritratti: FKNK u Birldife Malta