​Ċiklun Debbie: Tkompli t-tfittxija għan-nies fil-Lvant tal-Awstralja

Qed tkompli t-tfittxija għal tliet irġiel nieqsa fi Queensland, wara li nstab il-katavru ta’ raġel ta’ 77 sena li tkaxkar mill-ilmijiet fil-lvant tal-Awstralja.
Mill-inqas tliet persuni inqatlu meta ċ-ċiklun imsejjaħ Debbie laqat din il-parti tal-Awstralja u ħalla qerda sħiħa u għargħar.
Għexieren ta’ eluf ta’ persuni ġew affetwati, b’toroq u pontijiet meqruda għal kollox. Għadu mhux magħruf hemmx Maltin milquta.
Nies li rnexxielhom jaħarbu minn djarhom dehru xxukjati għall-ammont kbir ta’ ilma fit-toroq, li saħansitra laħaq l-għoli tat-traffic lights.
Iċ-ċiklun huwa maltempata mkejla f’kategorija erbgħa, livell wieħed biss inqas mill-iktar livell qawwi. Laqat Queensland nhar it-Tlieta, farrak postijiet turistiċi, żarma linji tad-dawl u minjieri tal-faħam kellhom jagħlqu.