Ċikliżmu: Maurice Formosa jirbaħ it-tieni tellieqa tal-Cross Country

Numru ta' parteċipanti u dilettanti nġabru fl-Imġarr għat-tieni rawnd tal-Cross Country – National Points Series organizzat mill-Malta Mountain Bike Association u sponsorjat minn Magri Cycles.
Iċ-ċirkwit fuq distanza ta' 4.5km, bi sfond sabiħ tal-Ġnejna u Għawdex kien kkaratterizzat minn blat, inżul tekniku u passaġġi dojoq, konċentrazzjoni massima u grad għoli ta' kontroll tar-rota.
It-tellieqa kienet tikkonsisti minn sitt dawriet fil-kategorija Elite, ħames dawriet fil-kategorija tan-nisa u erba' dawriet fil-kategorija ‘Sport’.
Sa mill-bidu nett kien hemm indikazzjoni li l-kategorija Elite kienet se tkun missielta bejn Maurice Formosa (The Cyclist) u Mark Bonnici (Agones SFC) tant li dawn żammew pass b’saħħtu, b’Formosa jieħu l-vantaġġ fil-ħames dawra u eventwalment rebah f'ħin ta' 01:18:25, Bonnici jidħol fit-tieni post f’ħin ta' 01:20:01.
Etienne Bonello (Team Greens) kien fi triqtu lejn it-tielet post konsekuttiv tiegħu madankollu problemi mekkaniċi sfurzawh biex inaqqas, b’Ramon Grech (Agones SFC) jaqbżu fl-aħħar żewġ dawriet biex jispiċċa t-tielet f’ħin ta' 01:25:26

Intant fil kategorija tan-nisa, Marie Claire Aquilina (The Cyclist) rebħet it-tellieqa f’ħin ta' 01:16:45 u b'Danica Bonello Spiteri (Team Greens) tipiċċa fit-tieni f’01:24:37 għalkemm sofriet ħsara teknika matul it-tellieqa. Claudine Gatt daħlet it-tielet f’ħin ta' 01:23:22.
Fil-kategorija Sport, it-tellieqa kienet kompetittiva ħafna, bl-ewwel tlieta jidħlu biss 18 il-sekonda bogħod minn xulxin.
Alex Gatt daħal l-ewwel f’01:00:15, Francesco Sultana fit-tieni post qrib ħafna f’01:00:19 u Ryan Darmanin jispiċċa fit-tielet post f’ħin ta’ 01:00:33.

Ritratt: Angie Conti