Ċiklista ġravi wara inċident fir-Rabat

Raġel ta’ 31 sena mill-Latvja, qed jingħata l-kura fl-Isptar Mater Dei għal ġrieħi gravi li sofra waqt li kien qed isuq ir-rota.

Ilbieraħ, għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, il-Pulizija ssejħet għall-assistenza fi Triq Bieb ir-Ruwa, ir-Rabat.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u hemm instab ċiklist fl-art b’numru ta’ ġrieħi u kien qiegħed jingħata l-assistenza minn xi persuni li nzertaw fl-inħawi.

Minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li ċiklist – ir-raġel ta’ 31 sena – tilef il-kontroll u kellu impatt ma’ ħajt ta’ sejjieħ.

Il-vittma ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.