Ċiklist anzjan gravi wara li jintlaqat minn karozza

Ċiklist ta’ 70 sena weġġa’ gravi meta ntlaqat minn vettura waqt li kien qed isuq rota fi Triq ix-Xgħajra, f’ Ħaż-Żabbar.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li kienet infurmata għall-ħabta tat-08.30am ta’ dalgħodu, li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq ix-Xgħajra wara li kienet seħħet ħabta bejn vettura u rota.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel ta’ 70 snin residenti Ħaż-Żabbar, kien qiegħed isuq ir-rota fl-imsemmija triq safa milqut minn vettura misjuqa minn raġel ta’ 70 sena residenti Ħaż-Żabbar ukoll.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lil vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.