Ċifri juru li qed jonqos ir-riċiklaġġ

Ċifri ppreżentati fil-Parlament mill-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera jindikaw li mill-2015 ‘l hawn kien hemm tnaqqis fir-riċiklaġġ.
Il-Ministru Herrera, kien qed iwieġeb sensiela ta’ domandi Parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, dwar l-ammonti ta’ skart li ġew irriċiklati mill-Kumpanija WasteServ mill-1 ta’ Jannar 2015 ‘l hawn.

Dwar l-ammonti ta’ tyres irriċiklati, jidher li bejn is-sena 2015 u s-sena 2016 kien hemm tnaqqis ta’ 829 tunnellata. Sa Settembru ta’ din is-sena ġew proċessati mal-2,025 tunnellata ta’ tyres.
Fl-2016 ġew irriċiklati 875 tunnellata iktar ta’ metall meta mqabbel mas-sena ta’ qabel: 2015 (1986.83). Sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena ġew irriċiklati 2,680 tunnellata. Dawn jinkludu bottijiet kemm tax-xorb kif ukoll tal-ikel.
L-ammont ta’ karta rriċiklata tidher li se tkompli tonqos. Fl-2015 ġew proċessati 2,958 tunnellata, li naqas b’662 tunnellata fis-sena 2016. S’issa l-ammont ta’ karta rriċiklata din is-sena kien 858 tunnellata.
Il-kartun riċiklat żdied bejn l-2015 u l-2016 b’1,025 tunnellata. Imma jidher li dan l-ammont (4,357) mhux se jiġi milħuq sal-aħħar ta’ din is-sena, għax s’issa nġabru 1,473 tunnellata.  
L-ammont ta’ plastik li ġie rriċklat żdied b’400 tunnellata, bejn l-2015 u l-2016. Sa Settembru, 954 tunnellata ta’ plastik ġie proċessat.
It-tnaqqis fl-ammonti jista’ jfisser li jew il-pubbliku qiegħed jikkonsma inqas jew inkella qegħdin jiġu rriċiklati inqas affarijiet.