Ċibersigurtà: Identifikazzjoni ta’ theddid u teħid ta’ miżuri preventivi

Cyber-Security-MEDIA-IMAGE1

L-aċċelerazzjoni reċenti fit-trasformazzjoni diġitali serviet bħala opportunità pożittiva għan-negozji b’aġilità biex jimprovizzaw u jadattaw għal drawwiet ġodda tal-konsumatur. Fl-istess ħin, il-bidla intensiva għall-kummerċ onlajn ġabet żieda korrispondenti fiċ-ċiberkriminalità.

Il-Bank of Valletta flimkien mal-Malta Chamber reċentement organizzaw webinar b’xejn, biex iqajjem kuxjenza dwar il-pajsaġġ li qed jinbidel taċ-ċibersigurtà u kif in-negozji jistgħu jsaħħu r-reżiljenza sabiex itaffu ċ-ċiberkriminalitajiet potenzjali.

“Il-pandemija tal-COVID-19 qalbet lin-negozji mill-uffiċċju għal fuq mezzi onlajn,” stqarret Marisa Xuereb, Deputat President tal-Malta Chamber. “In-negozji u anke l-klijenti huma għalhekk aktar esposti għal ċiberkriminali, hekk kif iċ-ċiberkriminalità qed tkompli tikber”. Is-Sinjura Xuereb enfasizzat b’mod partikolari ż-żieda fix-xogħol remot bħala xempju li jattira kriminali online.

“Iċ-ċibersigurtà m’għadhiex sempliċement aċċessorju teknoloġiku, iżda issa hija kwistjoni ta’ negozju,” sostna Joseph Agius, Kap Eżekuttiv tat-Teknoloġija fi ħdan il-Bank of Valletta. “Il-konsegwenzi li ssofri attakk ċibernetiku huma kbar, u jirriżultaw f’telf ta’ informazzjoni, qtugħ tas-sistemi u ħsara reputazzjonali.” Huwa ddeskriva l-attakkanti tal-lum bħala dawk sofistikati ħafna, li jwettqu hacks permezz ta’ malware u serq ta’ identità fost oħrajn. Is-Sur Agius ikkonkluda li għal raġunijiet bħal dawn, in-negozji għandhom jevalwaw l-effiċjenza tal-kontrolli tas-sigurtà eżistenti, jimmaniġġjaw ir-riskju organizzattiv u jinvestu f’infrastruttura tal-IT adattiva u flessibbli.

Bit-tkabbir intensiv tad-diġitalizzazzjoni u l-bidla kontinwa għal xogħol remot, l-espożizzjoni għaċ-ċiberkriminalità se tiżdied. Li tkun 100% sigur ma jistax jiġi garantit, iżda huwa possibbli li tikkontrolla ir-riskju.

In-negozji għandu jkollhom pjan ta’ kontinġenza biex jiġġieldu ċ-ċiberkriminalità billi jfittxu konsulenza, jistabbilixxu tim ta’ sigurtà, jużaw skali multipli ta’ sigurtà u jedukaw kontinwament lill-impjegati biex ikunu ċibernetiċi.

Segwi dan il-webinar fuq https://youtu.be/9hs9FgNqdG4.

Dawn il-webinars għandhom skopijiet purament informattivi. Kull informazzjoni matul din is-sessjoni mhijiex u m’għandhiex tinftiehem bħala offerta jew rakkomandazzjoni għall-bejgħ jew solleċitazzjoni ta offerta jew rakkomandazzjoni biex tixtri jew tissottoskrivi għal kwalunkwe prodott. Maħruġa mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, Il-Belt Valletta VLT 1130. Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA u hija liċenzjata biex toffri l-kummerċ bankarju f’termini tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta) u servizzi ta’ investimenti f’termini tal-Att dwar is-Servizzi tal-Investiment (Kap. 370 tal-Liġijiet ta’ Malta) .