“Christopher ma kienx jistħoqqlu 10 xhur ta’ tbatija”

It-tfajla ta’ Christopher Bartolo, ir-raġel marid bil-kliewi li sa jumejn ilu kien qed iservi sentenza ta’ ħames snin il-ħabs, saħqet li issa, wara li rritorna lura ma’ familtu jinsab kuntent.
Filwaqt li spjegat li Bartolo sofra ħafna uġigħ kemm fiżiku u kemm mentali, Rachel Borg qalet li Bartolo ma kienx jistħoqqlu 10 xhur ta' tbatija.
F’messaġġ ta’ ringrazzjament li ħalliet fuq Facebook, it-tfajla nsistiet li r-riżultat ta’ din is-sitwazzjoni wera’ l-umanità taż-żewġ spettri tal-politika Maltija.
Filwaqt li rringrazzjat lill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, Borg iddeskrivietha bħala mara’ ta’ saħħa li dejjem tesprimi kwalitajiet ta’ mħabba u kompassjoni. Hija rringrazjatha b’mod speċjali talli rrispettat il-kostituzzjoni Maltija u tat l-ordnijiet neċessarji sabiex Bartolo jkun jista’ jinħeles temporanjament mill-ħabs.
Fil-messaġġ tagħha, Borg irringrazzjat ukoll lill-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, li qalet li għamel dak kollu fil-poter tiegħu sabiex jittieħdu l-passi ġusti u neċessarji fil-konfront ta’ Bartolo.
Hi kompliet billi rringrazzjat ukoll lill-Kabinett u lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, filwaqt li faħħret lill-avukat tad-difiża, Franco Debono tad-dedikazzjoni tiegħu lejn il-każ.