Christmas Cup – Il-Holders eliminati minn Marsa

Hekk kif ingħatat bidu edizzjoni oħra tal-Xmas Cup, il-holders ta’ din il-kompetizzjoni Valletta St Paul's sfaw eliminati fi stadju daqshekk bikri tar-rawnd preliminari hekk kif ġew megħluba mir-rivali eterni Marsa St Michael bl-iskor ta’ 2-0.
Għal dawn tal-aħħar kienet speċi ta’ tpattija sportiva hekk kif ġimgħa ilu kellhom ibaxxu rashom għall-istess Beltin meta tilfu 3-2 fil-konfront dirett tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika.
Ma’ Marsa St Michael ikkwalifikaw ukoll għal rawnd ieħor Senglea Gunners, Valletta Stars u San Ġiljan Saints.
Sadanittant żewġ gowls fi spazju ta’ tliet minuti kienu biżżejjed sabiex jagħtu passaġġ lil Marsa St Michael għas-spejjeż ta’ Valletta St Pauls.
Wara taqsima fejn l-ebda tim ma sab ix-xibka rispettiva u fejn id-difiżi u l-gowlkipers kienu ferm prominenti, fit-tieni taqsima, it-tim immexxi minn Malcolm Tirchett ħareġ tajjeb u marru fil-vantaġġ fil-55 minuta permezz ta’ Nikolai Filipov.
Dan il-gowl fixkel il-pjanijiet tat-tim mill-kapitali illi ftit damu ma dabbru t-tieni wieħed meta l-attakkant Brażiljan tagħhom Ricardo Severino skorja b’ħeffa liema bħalha sabiex irdoppja l-iskor għat-tim tiegħu.
Valletta ppruvaw iwettqu reazzjoni għalkemm ftit setgħu jagħmlu biex jinfdu d-difiża ferm organizzata ta’ Marsa illi kisbu kwalifikazzjoni b’riżultat pożittiv.
Tim ieħor mill-kapitali, Valletta Stars kisbu rebħa komda ta’ 2-0 kontra Santa Lucia Falcons sabiex ukoll għamluha għal mal-aħħar tmienja.
L-Istilel Beltin kellhom wirja tajba u komplew jikkonfermaw l-istaġun ferm pożittiv illi qed ikollhom.
Mohammed Kaled Idris u Miguel Sammut  skorjaw il-gowls importanti illi poġġew lil Beltin fil-kwarti finali.
San Ġiljan Saints għaddew ukoll għall-fażi oħra ta’ din il-kompetizzjoni meta għelbu lil Fleur de Lys CFK bl-għoti tal-penalties.
Kienet partita bejn it-tim li kien fl-ewwel post tal-klassifika tat-Tieni Diviżjoni kontra t-tim li qiegħed fl-aħħar post fl-Ewwel Diviżjoni.
Madankollu l-logħba żvolġiet f’waħda bilanċjata tant illi l-ebda tim ma rnexxielu jinfed il-lasti avversarji.
Bil-logħba tintemm 0-0 sas-70 minuta, ir-regolament ta’ din il-kompetizzjoni kien jgħid illi l-logħba kellha tmur għal-lotterija tal-penalties sabiex kienu San Ġiljan Saints illi għaddew bi skor ta’ 5-4.
Filwaqt illi San Ġiljan fallew penalty wieħed, Fleur de Lys naqqsu milli jiskorjaw tnejn hekk kif kien prominenti l-gowlkiper Ġiljaniż Ryan Kerr li laqagħhom b’abbilta’ kbira.
Min-naħa l-oħra Senglea Gunners irreġistraw l-akbar skor tal-ġurnata meta ftit sabu diffikultà sabiex jegħlbu lil Tal-Qroqq Versity bl-iskor ta’ 6-0.
It-tim mill-Kottonera ddomina kompletament din il-logħba b’Tal-Qroqq illi sabuha ferm diffiċli jżommu lill-attakkanti avversarji milli jiskorjaw.
Sadanittant ilbieraħ stess telgħu l-poloz tal-kwarti finali tal-Xmas Cup li rriżultaw hekk:
Is-Sibt 2 ta’ Diċembru – Kwarti Finali
STA LUCIA GROUND
2.00pm – Valletta Stars vs San Giljan Saints
3.30pm – Mqabba Albions vs Marsa St Michael
ŻURRIEQ GROUND
2.00pm – Mosta vs Senglea Gunners
3.30pm – Qormi Hotspurs vs Naxxar Victorians
Rapport: Robert Busuttil; Ritratt: Warren Sammut