Inċident f’San Pawl il-Baħar: “Ippruvajt nagħtih is-CPR imma kien għalxejn”

Christen Cachia kien ix-xufier tat-taxi li tilef ħajtu f’ħabta bejn 2 taxis tul il-lejl li għadda. Raġel li kien għaddej mit-triq qal li pprova jagħtih l-ewwel għajnuna, iżda kien kollu ta’ xejn, għax Christen ma bediex jirrispondi.

Cachia li kellu 31 sena u kien minn Ħal Safi, kien missier u eks suldat fil-Forzi Armati ta’ Malta. Barra minn hekk, kien jinvolvi ruħu fil-festa ta’ Ħal Safi, u kienu bosta li esprimew id-diqa tagħhom għall-aħbar tal-mewt tiegħu fuq il-midja soċjali.

Imut wieħed mix-xufiera fil-ħabta ta’ San Pawl il-Baħar

L-inċident seħħ fi Triq Burmarrad f’San Pawl il-Baħar fil-00.15am.

Ir-raġel li tkellem ma’ Newsbook.com.mt qal li hu wasal fuq il-post nofs minuta wara li seħħ l-inċident, peress li l-passiġġieri Skoċċiżi kienu għadhom ħerġin mill-karozza. Ir-raġel, li jaħdem fit-taqsima tat-traffiku ma’ Transport Malta, qal li kellem lix-xufier Żejtuni u dan kien jidher mhux ħażin, minkejja li kellu qatgħa kbira fuqu.

Dwar il-vittma Christen Cachia, ir-raġel qal li tah is-CPR, iżda dan ma bediex iwieġeb. Il-karozza tiegħu kellha riħa qawwija ta’ petrol, u bdew jibżgħu li se taqbad. Għalhekk, ressquh ‘il bogħod mill-karozza. Ambulanza ħadet lil Cachia l-isptar, fejn ġie ċċertifikat mejjet.

Ix-xufier l-ieħor qiegħed fil-periklu li jitlef ħajtu. It-tliet turisti Skoċċiżi li kienu rekbin max-xufier Żejtuni qed isofru minn ġrieħi ħfief.