Chris Soler jintagħżel bħala l-Avukat tal-Istat

Ritratt: MJEG

Read in English.

L-Avukat Dr Chris Soler intagħżel bħala t-tieni Avukat tal-Istat tar-Repubblika ta’ Malta u se jkun qed jassumi dan l-irwol b’mod immedjat. Dan tħabbar fi stqarrija llum mill-Ministeru għall-Ġustizzja. L-avukat Soler se jkun qed jassumi dan l-irwol wara li l-Avukat tal-Istat preċedenti, Dr Victoria Buttigieg, irriżenjat biex ġiet maħtura fl-irwol ta’ Avukat Ġenerali.

Dan wara li kien hemm bżonn li jsir it-tieni sejħa wara li ħadd ma applika għall-irwol wara l-ewwel sejħa li kienet għalqet nhar it-22 ta’ Settembru.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis kien ħatar Kummissjoni ta’ Ħatra indipendenti, li tmexxiet mill-Prim Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi, bl-Imħallfin Emeriti Lawrence Quintano u Antonio Mizzi bħala membri. Dan kien proċess indipendenti.

Soler huwa avukat u kiseb il-warrant tiegħu fis-sena 2000. Tul dawn l-aħħar għoxrin sena hu prattika l-liġi kriminali kif ukoll serva bħala lettur tal-liġi kriminali fl-Università ta’ Malta. Fl-aħħar snin hu serva bħala direttur tas-servizzi legali fi ħdan l-Università ta’ Malta kif ukoll bħala chairperson fuq il-Bord tal-Appell għar-Refuġjati.

Soler se jkun qed jinħatar bħala Avukat tal-Istat, uffiċċju li beda jopera f’Diċembru tal-2019 meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nqasam fi tnejn. Dan sar sabiex l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali gradwalment jieħu f’idu l-prosekuzzjonijiet kollha fil-pajjiż waqt li l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat iservi bħala l-konsulent ewlieni tal-gvern.