“It-Torri tal-Qbajjar fil-periklu imminenti li jiġġarraf” – Chris Said

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said wissa li t-Torri tal-Qbajjar jinsab fi stat ħażin ħafna u fil-periklu imminenti li jiġġarraf.
Huwa qal dan f’domanda parlamentari lill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, waqt li akkuża lill-istess Ministru li “ma jinteressahx mill-wirt kulturali ta’ Għawdex”.
Dr Said akkuża lill-Gvern li f’erba’ snin ma għamel xejn dwar dan it-torri. Dan minkejja li l-gvern preċedenti kien fetaħ kawża fil-konfront ta’ dawk li kienu s-sidien privati ta’ dan it-torri wara li skada ċ-ċens li kien jagħtihom it-titlu. Sostna li l-każ sidien ma jinteressahomx minn dan it-torri tant li ilhom snin ma jużawh.
Huwa qal li t-torri jinsab f’qagħda li jista’ jaqa’ u jekk dan iseħħ, imbagħad ikun għalxejn li wieħed jibkih kif sar fir-rigward tat-Tieqa tad-Dwejra.
Fi tweġiba, Dr Refalo fakkar li t-torri ngħata taħt konċessjoni minn amministrazzjonijiet preċedenti. Sostna li mhux għaqli li l-Gvern jesproprija dan it-torri fid-dawl tal-fatt li preżentement għaddejja kawża dwar it-titlu ta’ dan it-torri. Fi kliemu, espropjazzjoni ma tkunx ġustizzja mal-partijiet.