Chris Said isejjaħ għar-riżenja tal-Prim Ministru

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Chris Said qal li bil-kejl ta' Joseph Muscat stess, li kien qal li jekk Konrad Mizzi jinqabad li jkun gideb għandu jirriżenja, huwa l-istess Joseph Muscat li għandu jirriżenja.
Dan għaliex fi kliem l-istess Said, Joseph Muscat inqabad f'gidba ċara li ħadd ma jista' jiċħad.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Chris Said spjega kif b'dak żvelat fil-Panama Papers, Joseph Muscat inqabad jigdeb bl-aktar mod ċar biex jiddefendi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri minn dak li sejjaħlu bħala l-akbar skandlu internazzjonali ta' korruzzjoni u kriminalità.
Chris Said irrefera għall-programm Dissett tad-9 ta' Marzu, meta l-Prim Ministru kien qal li jekk Konrad Mizzi jinqabad li gideb, ikollu jitneħħa. 
Waqt il-konferenza ta' llum intqal li skont dak żvelat fl-aħħar jiem, jirriżulta li Joseph Muscat gideb meta qal li Konrad Mizzi ried jiftaħ il-kumpanija fil-Panama u t-trust fin-New Zealand biex ipoġġi l-propjetà tiegħu ta' Londra u ta' Malta.
Il-Kelliem Nazzjonalista qal li issa jirriżulta mill-emails li ġew żvelati, li r-raġuni li ngħatat biex kemm Konrad Mizzi u Keith Schembri jiftħu l-kumpaniji sigrieti tagħhom u t-trust fin-New Zealand, ma kinitx il-propjetà ta' Londra.
Said qal li l-ewwel raġuni li ngħatat lill-Panama kienet li Konrad Mizzi u Keith Schembri riedu jpoġġu flus ġejjin mil-konsulenza u mis-senserija. Meta din il-verżjoni ma ġietx emmnuta, ir-raġuni inbidlet għar-riċiklaġġ u r-remote gaming.
Fid-dawl ta' dan, Chris Said qal li bl-aktar mod ċar, Joseph Muscat inqabad jigdeb biex jiddefendi lil sħabu, u għalhekk, biex iżomm ma' kliemu stess, għandu jirriżenja.
Fl-intervent tagħha waqt l-istess Konferenza, Claudette Buttigieg fissret li hu evidenti li biex jiddefendi lil sħabu, Muscat qed jigdeb anke billi jgħid li se joqgħod fuq audit li hi fażulla għaliex Keith Schembri u Konrad Mizzi fetħu l-kumpaniji tagħhom fil-Panama apposta – biex ebda audit ma tkun tista' ssib xejn.
Jekk l-audit issib li l-kumpanija għadha vojta, Buttigieg qalet li tkun prova akbar tal-gidba ta' Muscat li qal li saret biex tintefa' l-propjetà ta' Mizzi f'Londra.