Chris Said irid li Simon Busuttil jibqa’ MP

Il-kandidat għal kap tal-Partit Nazzjonalista, Chris Said, kif ukoll l-uniku Membru Parlamentari mill-kandidati għal din il-kariga, qal li jekk jieħu t-tmun f’idejh, ifittex l-għaqda fil-partit billi jħeġġeġ lil Simon Busuttil iżomm is-siġġu tiegħu, u mhux ‘jikinsu ’l barra’.
Fuq Facebook, Dr Said sostna li l-esperjenza wrietu li l-bidliet iseħħu, imma fil-kalma, mingħajr għajjat u ħafna emozzjoni żejda.
Id-diskussjoni dwar l-eventwalità li Dr Busuttil iċedi s-siġġu parlamentari ladarba ma jibqax kap tal-PN, tqajmet ilbieraħ wara kumment tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Mario Galea.
Galea kiteb fuq Facebook li Busuttil għandu jirriżenja mill-Parlament biex ma jibqax fid-dell tal-kap il-ġdid.
Sadanittant, kienu bosta dawk li kkummentaw għall-kumment ta’ Said u l-appoġġ tiegħu lil Busuttil.
Uħud enfasizzaw li Busuttil għandu jibqa’ hemmhekk, u jekk irid iwarrab Mario Galea, filwaqt li oħrajn argumentaw li ma jagħmilx sens li Busuttil jitlaq, għax beda biċċa xogħol, deskritta ‘kbira’, u allura għandu jaraha titlesta.
Oħrajn qalu li Busuttil għad fadallu x’joffri lill-PN, kummenti li jidwu dak li lbieraħ qal Franco Debono, l-eksdeputat Nazzjonalista.
Iżda oħrajn ma kinux tal-istess fehma. Uħud qabżu għal Galea billi qalu li dan dejjem ħabb lill-PN, filwaqt li oħrajn esprimew it-tħassib tagħhom għal kliem bħal ‘niknes’. Dawn huma tal-fehma li suġġetti simili m’għandhomx jitberrħu fuq Facebook, għax qed iweġġgħu aktar lill-PN.
Is-Sindku tal-Belt wara Said
Sadanittant, waqt attività li saret ilbieraħ fl-uffiċini tal-AŻAD, is-Sindku Alexei Dingli ddikjara l-appoġġ tiegħu għall-kandidatura ta’ Said.
Aktar kmieni dil-ġimgħa, il-Membri Parlamentari Jason Azzopardi, David Stellini u Edwin Vassallo, u l-Ewroparlamentari David Casa ħabbru l-appoġġ tagħhom lil Said.