Chris Packham jingħata unur għall-filmati dwar il-kaċċa f’Malta

Il-preżentatur tal-BBC, Chris Packham u t-tim tiegħu li ħadu sehem fil-filmati dwar l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta, ingħaqdu fil-House of Commons fir-Renju Unit fejn ingħataw l-unur, Green Ribbon Political Award għall-attiviżmu ambjentali fil-midja.
Bejn il-21 u s-27 ta’ April li għadda, Packham kien qed jiffilmja l-ġranet tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta li ddeskrivieha bħala massakru.
Meta rċieva l-unur, Packham reġa ddeskriva l-kaċċa f’Malta bħala krimini u massakru u sostna li kemm hu kif ukoll it-tim tiegħu riedu li jwasslu stampa ċara lill-kumplament tal-pajjiżi fl-Ewropa.
Il-filmati ta’ Chris Packham ġew iffilmjati minn numru ta’ volontiera u jinsabu fuq Youtube.
F’Malta, Packham kien intalab li jmur il-kwartieri tal-Pulizija fejn kien interrogat għal ħames sigħat wara l-ilmenti li l-Pulizija rċevew mingħand l-għaqdiet tal-kaċċaturi.
Fost l-ilmenti mressqa kien hemm li l-preżentatur tal-BBC kiser il-privatezza tal-kaċċaturi meta iffilmjahom jew daħal fi propjetà privata mingħajr permess.
Il-każ kien ġie rrappurtat fil-maġġoranza tal-midja Ingliża.
Lura fir-Renju Unit, Packham kien mistieden mill-Parlamentari biex iressaq rapport dwar il-kaċċa f’Malta, li kien diskuss fil-House of Commons fis-7 ta’ Mejju li għadda.
Matul din id-diskussjoni, l-Politiċi Ingliżi staqsew kemm kien leġittimu, l-użu ta’ deroga għall-istaġun tal-kaċċa.  

Ritratt: Sun