Filmat: Chris Fearne jgħid x’jagħmel jekk jiġi elett mexxej

Read in English.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li qed jikkontesta għall-irwol ta’ Mexxej tal-Partit Laburista u eventwalment jieħu l-kariga ta’ Prim Ministru, dalgħodu qed jitkellem dwar dak li se jkun qed jagħmel jekk jiġi elett.

Hu elenka 10 punti li għalih Prim Ministru għandu jaħdem fuqhom fiż-żmien li ġejjin.

  • Qal li se jkun qed jaħdem fuq governanza u s-Saltna tad-Dritt (rispett lejn il-liġi). Qal li jekk jinħatar bħala mexxej u Prim Ministru se jkun qed isejjaħ konferenza dwar dan is-suġġett li jinkludi rappreżentati minn kull qafas tas-soċjetà.
  • Sostna li se jkompli jaħdem fuq is-suċċessi ta’ dawn is-snin.
  • Qal li l-ambjent se jingħata l-prijorità li jistħoqqlu. Qal li fil-kampanja tiegħu se jkun qed iħabbar pjan ambizzjuż dwar kif se jkun qed idaħħal spazji mħaddra f’Malta.
  • Qal li se jkun qed jaħdem fuq ir-ruħ soċjali tal-partit. Qal li jekk jinħatar hu se jkun qed jassigura l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-istess xogħol.
  • Qal li se jkun qed jaħdem dwar l-immigrazzjoni u l-ħaddiema barranin. Qal li filwaqt li jara l-bżonn ta’ ħaddiema barranin f’Malta, hemm bżonn li l-pajjiż itejjeb l-infrastruttura tal-pajjiż biex ilaħħaq maż-żieda tal-popolazzjoni. Hu u jitkellem dwar l-immigrazzjoni irregolari qal li filwaqt li wieħed juri ħniena ma’ dawn il-persuni, Malta trid iżżomm id soda.
  • Fearne tkellem ukoll dwar il-housing. Qal li se jkun qed jitkellem dwar pjan ta’ kif fuq medda ta’ ħames snin se jkun hemm pjan li jista’ jsolvi l-problema tal-housing fil-pajjiż. Qal li Gvern Laburista mmexxi minnu jara li l-housing ikun wieħed mill-punti ta’ prijorità.
  • Semma li se jkun qed jaħdem ukoll dwar it-trasport. Semma li waqt il-kampanja se jitkellem dwar il-bżonn ta’ transport nadif. Ħabbar li l-proġett tal-mina ta’ Għawdex se jkompli, liema proġett sostna huwa ta’ benefiċċju kbir għall-Maltin, l-Għawdxin u l-ekonomija tal-pajjiż.
  • Fearne tkellem dwar il-post ta’ Malta fl-Ewropa u sostna li hemm bżonn li Malta tidħol f’diskussjonijiet biex b’mod impenjattiv ħafna, wara li jkunu bdew ir-riformi tas-saltna tad-dritt fil-pajjiż, terġa’ tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta.
  • Fearne tkellem ukoll dwar il-kwalità tal-ħajja. Qal li l-flus huma importanti imma dawn waħedhom mhumiex biżżejjed biex itejbu l-kwalità tal-ħajja.
  • Qal li l-aħħar punt huwa r-riforma fil-Partit Laburista biex isir aktar b’saħħtu. Qal li filwaqt li huwa diġà huwa b’saħħtu hemm lok fejn jista’ jsir aktar b’saħħtu.