“Joseph Muscat ħeġġiġni biex noħroġ” – Chris Fearne

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħeġġu biex joħroġ għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament Chris Fearne.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Isptar Mater Dei, fejn nieda l-kampanja tiegħu Chris Fearne qal li huwa tkellem kemm mal-Prim Ministru kif ukoll mal-eks Viċi Prim Ministru Louis Grech, fejn fi kliemu min-naħa tagħhom ħeġġewh biex jitfa' n-nomina tiegħu.
Huwa stqarr li d-delegati għandhom għażla diffiċli x’jieħdu għax, kif iddeskrivihom hu, it-tliet kandidati l-oħra huma kollha zwiemel. Saħaq li dan jikkuntrasta mal-Partit Nazzjonalista.
Sostna li wara l-elezzjoni, il-Partit Laburista ħareġ aktar b’saħħtu. Dan anke għax, fi kliemu, il-PL għandu Mexxej dinamiku, enerġetiku li jġib ir-riżultati. Huwa qal li qed iħeġġeġ lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jibqa’ fit-tmun tal-partit, għax qal li huwa l-aħjar għażla għall-PL u għal Malta.
Dr Fearne qal li hu ħadem ħafna ma’ Dr Muscat, mod partikolari meta Dr Muscat kien ħareġ għall-Mexxej tal-Partit Laburista fl-2008. Żied jgħid li fl-aħħar leġiżlatura huwa ħadem bħala Segretarju Parlamentari u Ministru, karigi li fi kliemu ħadem qatigħ fihom u wera suċċess, tant li ġew riflessi fil-voti li kiseb fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Fid-diskors tiegħu huwa qal li jekk jiġi magħżul biex ikun Deputat Kap irid jagħmel għadd ta’ tibdiliet fosthom fil-mod ta’ kif jaħdem il-Parlament u jsaħħaħ aktar ir-riżorsi tal-Membri Parlamentari.
Tenna li jrid jara li jwettaq il-viżjoni tal-Prim Ministru fosthom fil-qasam tal-libertajiet ċivili permess tal-vot ta’ 16-il sena fl-elezzjoni ġenerali.
Temm jgħid li jrid jara li l-Partit Laburista jibqa’ partit rebbieħ u saħaq li dan jista’ jsir jekk il-Partit jibqa’ viċin tan-nies.

Ritratt: Ian Noel Pace