Aġġornata (2): Chris Fearne jirbaħ l-elezzjoni u jinħatar Deputat Prim Ministru

Il-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne ġie elett Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament u eventwalment issa jinħatar Deputat Prim Ministru.
Kien il-Prim Ministru stess li fuq twitter, ħabbar uffiċjalment ir-riżultat ta' din l-elezzjoni bejn il-Ministru Fearne u l-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna.
Il-Ministru tas-Saħħa ġab 51.3% tal-voti jiġifieri 367 vot, filwaqt li l-Ministru tal-Finanzi kiseb 48.7%, li jfisser 348 mis-715 -il vot validu.
Għal din l-elezzjoni kien hemm 756 delegat eliġġibli biex jitfgħu l-vot tagħhom u allura kien hemm 41 delegat li ma vvutawx. Dan huwa l-istess numru ta’ nies li applikaw biex jivvutaw kmieni minħabba safar.
F’kummenti wara li ħareġ ir-rizultat id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, Chris Fearne, irringrazzja liż-żewġ kontestanti l-oħra u sostna kif se tkompli għaddejja l-ħidma fil-Kabinett u fi ħdan il-Partit Laburista. Irringrazzja wkoll lid-delegati kollha li ħadu sehem f’dan il-proċess elettorali.
Min-naħa tiegħu Edward Scicluna awgura lil Chris Fearne u saħaq kif huwa se jkun qed jaħdem spalla ma’ spalla miegħu.
Aktar kmieni lbieraħ
Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat, iktar kmieni dalgħodu vvota fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, liema kariga qed jikkontestaw għaliha l-Ministri Chris Fearne u Edward Scicluna.
Huwa kien akkumpanjat miż-żewġ kontestanti u membri tal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista.
Tard ilbieraħ filgħaxija ġiet eliminata t-tielet kontestanta, Helena Dalli.
Il-votazzjoni reġgħet fetħet dalgħodu fl-10:00 fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun u fl-10.30 fiċ-Ċentru Laburista tar-Rabat Għawdex, u mistennija tagħlaq fit-8.00pm u s-2pm rispettivament.
Ir-rikonċiljazzjoni u l-għadd tal-voti mistenni jibda eżatt wara l-għeluq tal-votazzjoni fejn wieħed miż-żewġ kandidati jrid iġib il-50% +1 tal-voti validi biex ikun iddikjarat Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament u eventwalment Deputat Prim Ministru.
Fl-ewwel rawnd tal-voti, li sar ilbieraħ bejn it-tliet kontestanti, il-Ministru Chris Fearne kiseb 296 vot, Edward Scicluna 249, u Helena Dalli 199.
F'din l-elezzjoni vvutaw 745 minn 756 delegat ivvotaw fl-elezzjoni, li matulha ġew ikkonfermati wkoll Joseph Muscat u Chris Cardona bħala Mexxej Laburista u Deputat Mexxej rispettivament.
Joseph Muscat kiseb 99% tal-voti tad-delegati b’733 favur u 3 kontra.
Chris Cardona kiseb 88% tal-voti, b’639 vot favur u 87 kontra.