Chris Fearne jrid ineħħi s-sistema taċ-Chief of Staff

Miguela Xuereb

Jekk jiġi elett bħala Mexxej tal-Partit Laburista u eventwalment Prim Ministru ta’ Malta, Chris Fearne qal li se jneħħi s-sistema taċ-Chief of Staff mill-uffiċċju tal-Prim Ministru.

Hu qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista. Fearne ried jagħmilha ċara li l-intenzjoni tiegħu hija li l-uffiċċju tal-Prim Ministru ma jkollux żewġ ċentri ta’ poter.

Fl-intervista sostna li filwaqt li se jara li jkollu numru ta’ advisors, jiġifieri persuni kompetenti li jagħtuh il-pariri, mhux bi ħsiebu jkollu chief of staff. Sostna li b’hekk, id-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu jeħodhom il-Prim Ministru flimkien mal-kabinett u l-esperti. Qal li b’hemm ma jkunx hemm xi figura li għandha dis-setgħa f’idejha li tista’ twassal għall-eventwalità li tiżgarra kif diġà ġara.

Propju s-Sibt li għadda, Fearne tkellem dwar l-10 punti li se jkun qed jiffoka fuqhom jekk jiġi elett mexxej u Prim Ministru. Hu kien qal li se jaħdem fuq governanza u s-Saltna tad-Dritt (rispett lejn il-liġi). Jara li jkompli jibni fuq is-suċċessi ta’ dawn is-snin. Li se jissielet sabiex tingħata prijorità lill-ambjent, ir-ruħ soċjali tal-partit, jaħdem fuq l-immigrazzjoni u l-ħaddiema barranin, il-housing, it-trasport, li jerġa’ jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta fl-Ewropa, li jassigura l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u jaħdem fuq ir-riforma tal-Partit Laburista.

Il-Ministru Evarist Bartolo fl-aħħar jiem ikkritika din il-kariga li kien beda l-Prim Ministru Joseph Muscat lura fl-2013. Bartolo qal li tnejn mill-aħħar tliet Prim Ministri Maltin kellhom Chief of Staff li kienu b’saħħtithom wisq. Fuq Facebook, Bartolo qal li f’Kastilja hemm bżonn Prim Ministru wieħed biss, dak elett demokratikament biex imexxi l-pajjiż. Huwa qal li mhux tajjeb la għad-demokrazija u lanqas għall-istess Prim Ministru li jkun hemm Chief of Staff b’saħħtu wisq.

Keith Schembri kien irreżenja mill-kariga tiegħu wara li Yorgen Fenech implikah b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.